gov.mt

PR261720

PR261720

15/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Il-Ministru Rosianne Cutajar tisħaq dwar l-importanza tal-kollaborazzjoni fit-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem


Il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar saħqet li l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu integrati b'mod sistematiku fit-tfassil tal-politika, fis-servizzi pubbliċi u fl-inizjattivi tal-Gvern.

Waqt laqgħa tal-Kumitat Interministerjali għat-Tisħiħ tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Ministru rringrazzjat lill-membri rappreżentanti tal-ministeri għall-impenn tagħhom u ddeskriviethom bħala l-pont bejn il-politika nazzjonali u l-ħidma konkreta mwettqa kuljum mill-Ministeri u mill-entitajiet pubbliċi.​

Il-Kumitat Interministerjali għat-Tisħiħ tad-Drittijiet tal-Bniedem huwa l-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni bejn il-ministeri li jappoġġaw l-integrazzjoni tal-perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ugwaljanza fil-ħidma kollha tal-Gvern. Permezz tal-membri maħtura f'kull ministeru, il-Kumitat jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni, is-segwitu ta' miżuri li jinvolvu aktar minn ministeru jew entità waħda, l-identifikazzjoni tal-isfidi u l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet effettivi.

Il-Ministru spjegat li din il-ħidma ma tistax titwettaq minn ministeru wieħed jew mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem waħdu. Hija appellat għal aktar kollaborazzjoni bejn il-ministeri, b'mod partikolari fejn il-miżuri nazzjonali jeħtieġu kontribut konġunt u koordinazzjoni effettiva. L-għan huwa li l-politika pubblika tirrifletti aħjar il-ħtiġijiet u l-esperjenzi differenti tan-nies.

“Irridu naraw dan il-kumitat mhux biss bħala forum fejn nirrapportaw x'sar, iżda wkoll bħala spazju fejn flimkien insaħħu u nwettqu l-miżuri previsti fl-istrateġiji nazzjonali. Is-suċċess tal-pjanijiet tagħna għandu jitkejjel mid-differenza konkreta li nagħmlu fil-ħajja tan-nies," qalet il-Ministru Cutajar.​​

Hija ħeġġet lill-membri tal-kumitat sabiex ikomplu jkunu promoturi attivi tal-ugwaljanza u tad-drittijiet tal-bniedem fil-ministeri tagħhom billi jressqu ideat, jidentifikaw oqsma fejn jista' jsir titjib u jsaħħu l-kooperazzjoni fl-amministrazzjoni pubblika kollha.

​